top of page

Ħsibijiet

Ħsibijiet

Sinopsi


L-imħabba kumplessa, u kultant wieħed jispiċċa jemmen li ma jistax jgħix mingħajr persuna oħra li xi darba kien iħobb. Minkejja l-kumplessità li teżisti f’kull relazzjoni, wieħed jirrealizza li jekk tkun f’relazzjoni tossika jaqbillek timxi lil hinn minnha u tqum fuq saqajk waħdek. Mhux dejjem faċli u kultant taħseb li qiegħed fix-xifer, iżda mhux il-każ. Trid taħdem biex tfittex il-kuntentizza f’ħajtek!



Bijografiji


Kapitlu Tlettax u Ema - Artista


Għal din l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika, il-grupp Kapitlu Tlettax li huwa magħmul minn żewġ esponenti tal-mużika hip hop Joseph Mario Calleja  u Liston Bongailas jippreżenta silta ġdida. Apparti din is-silta li ser tkun ippreżentata f’Mużika Mużika din is-sena, dawn iż-żewġ kantanti wkoll ħadmu flimkien f’Diċembru tal-2023 fejn ħarġu l-kanzunetta debutt tagħhom bħala kollaboraturi b’‘Nittama Fikom’. It-tieni kollaborazzjoni tagħhom kienet silta li ġġib l-isem‘Malta Tagħna’li ħarġet f’Ġunju 2024. 


Joseph kiseb suċċess fil-grupp Kapitlu Tlettax fl-iterazzjonijiet preżenti u passati tiegħu b’għadd ta’ kanzunetti li ndaqqu kemm-il darba fuq il-mezzi tal-midja soċjali, filwaqt li Liston stabbilixxa ruħu billi  fforma mill-grupp Street Elements f’Malta’s Got Talent tal-2023.


Għalkemm din il-formazzjoni ta’ Kapitlu Tlettax hija parteċipi f’Mużika Mużika għall-ewwel darba, il-grupp ukoll kien preżenti f’żewġ edizzjonijiet preċedenti; fl-2022 bil-kanzunetta ‘Ossiġnu’ ma’ Danica Muscat u fl-2023 bil-kanzunetta ‘Wiċċ B’Ieħor’ ma’ Julie Pomorski.


Tingħaqad mal-grupp Kapitlu Tlettax hija Ema, kantanta ta’ 20 sena, li oriġinarjament kisbet fama bħala membru mill-grupp F.A.I.T.H waqt it-tieni staġun ta’ X Factor Malta. Wara li l-grupp sfaxxa, Ema xtaqet li tkompli l-ġrajja kreattiva tagħha bħala solista u ddebutat żewġ kanzunetti, ‘LUV’ u ‘Emmint Fik’, li telgħu fil-klassifika tal-aqwa 20 kanzunetta li qed tindaqq f’Malta.



Joseph Mario Calleja, Liston Bongailas u Edward Magri - Kompożituri


Oriġinarjament, il-grupp Kapitlu Tlettax kien  magħmul minn Joseph Mario Calleja u Edward Magri, magħrufa aħjar bħala Joseph ‘Kapitlu’ u Dwardu ‘Ravelle’. Fuq il-bankijiet tal-iskola ddeċidew li l-ġeneru tal-hip hop huwa l-aktar wieħed addatat biex iwasslu dawk il-ħafna ideat li kellhom. Ħadmu fuq diversi kanzunetti, qasmu t-talenti tagħhom f’kompetizzjonijiet bħal L-Għanja tal-Poplu, u kkollaboraw m’artisti ta’ fama lokali fosthom: Janice Mangion, il-HOOLI, Danica Muscat, Julie Pomorski, Maria Christina u wkoll  Liston Bongailas. Għal din l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika, Liston Bongailas mhux biss ser jingħaqad ma’ Kapitlu Tlettax fuq il-palk, iżda wkoll bħala kompożitur. Liston huwa t-tifel tal-kantawtur Vince Bongailas, u għandu għoxrin sena esperjenza fix-xena tal-mużika hip hop, u kiseb ukoll suċċess waqt Malta’s Got Talent tas-sena 2023.



Cyprian Cassar - Kompożitur


Cyprian Cassar huwa kompożitur, arranġatur u producer li twieled fil-15 ta' Awwissu 1983. Flimkien mal-ħabib kbir tiegħu, Joven Grech, huwa kien parti mid-duo famuż Tenishia, li kiseb fama internazzjonali u kklassifika fost l-aqwa 100 att fid-DJ Mag għal erba’ snin konsekuttivi.


Minn mindu fetaħ l-istudjo personali tiegħu, Cyprian kellu l-opportunità li jaħdem ma' diversi artisti Maltin, fosthom: Janice Mangion, Danica Muscat, Miriana Conte, Maxine Pace, Enya Magri, Gaia Cauchi u Kevin Paul.


Żewġ kompożizzjonijiet tiegħu, ‘Marchin’ On’ fuq lirika ta' Emil Calleja Bayliss bil-vuċi t’Ela Mangion u ‘My Home’ fuq lirika ta' Matt ‘Muxu’ Mercieca bil-vuċijiet ta' Ike u Kaya, ġew magħżula biex jirrapreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest fl-2018 u fl-2021, fejn ikklassifikaw fil-5 u t-12-il post rispettivament.


Fl-2019, kellu wkoll iċ-ċans li silta li kiteb flimkien ma' Niall Mooney, Jonas Gladnikoff, Daniel Muscat Caruana, Anna Banks, Fiachna Ó Braonáin, u Anna Kearney, bl-isem ‘Banshee’, tirrapreżenta lill-Irlanda fil-Junior Eurovision Song Contest 2019.


Matul l-2022 u l-2023, huwa kkompona u pproduċa wkoll il-kanzunetti ‘Jekk Mhux Int’ u ‘Mhux tal-Aħħar’, it-tnejn fuq lirika ta' Emil Calleja Bayliss bil-vuċijiet ta' Lisa Gauci, Drakard, u Maxine Pace. Dawn iż-żewġ kanzunetti  kklassifikaw  fl-ewwel tliet postijiet  tal-edizzjonijiet rispettivi tagħhom ta' Mużika Mużika, billi spiċċaw fit-tieni u l-ewwel post.



Joseph Mario Calleja u Liston Bongailas - Awturi


Joseph Mario Calleja, magħruf ma’ bosta bħala Joseph Kapitlu, għaliex huwa wieħed mill-fundaturi tal-grupp tal-hip hop Malti, Kapitlu Tlettax. L-irwol tiegħu f’dan il-grupp wasslu għall-kitba ta’ bosta kanzunetti, fosthom ‘Tama’ u ‘Antifona ta’ Mħabba’, parteċipanti fil-festival L-Għanja tal-Poplu fis-snin 2016 u 2017. Għal Joseph, l-użu tal-lingwa Maltija fil-kanzunetta huwa essenzjali sabiex il-ħsieb jiġi spjegat u mifhum sew. Tul is-snin, Joseph Mario Calleja kien involut bħala kompożitur u awtur ta’ diversi siltiet tal-grupp Kapitlu Tlettax f’siltiet bħal: ‘Ossiġnu’, ‘Wiċċ B’Ieħor’, ‘Nittama Fikom’ u l-aktar riċenti ‘Narċissista’.



Emil Calleja Bayliss - Awtur


Emil Calleja Bayliss ilu jikteb il-lirika għall-kanzunetti għal dawn l-aħħar tlettax-il sena fejn ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali u wkoll ħa sehem f’oħrajn l barra minn xtutna. 


Hu kellu x-xorti li jippreżenta numru ta’ kanzunetti ġo festivals lokali li fihom kiseb diversi suċċessi li jibqgħu għal qalbu. Emil rebaħ l-ewwel festival tiegħu fl-2014 bil-kanzunetta ‘Back To’ u minn hemm qatt ma ħares lura.  


Hu kiseb l-ewwel post fil-festival L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bħala awtur fl-2017 bil-kanzunetta ‘Dwell’ u fl-2018 bil-kanzunetta ‘Ħaġar Qim’, filwaqt li fl-2018 rebaħ il-festival L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta ‘Mhux Kulma Jleqq Deheb’.


Emil kiseb diversi suċċessi fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn fl-2017 rebaħ bil-kanzunetta ‘Bħal Fjura’, fl-2018 bil-kanzunetta ‘Il-Pinna’ u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Nifs’. Fl-edizzjoni Junior tal-istess konkors,  Emil kiseb l-ewwel post fl-2019 bil-kanzunetta ‘Burdati’, fl-2020 bil-kanzunetta ‘Tfixkluniex, Tħawduniex’ u fl-2021 bil-kanzunetta ‘Marelli Ma’. 


Tliet kanzunetti miktuba minnu rrappreżentaw lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest; fl-2017 ‘Dawra Tond’, fl-2018 ‘Marchin’ On’ u fl-2020 ‘Chasing Sunsets’. Is-sena li għaddiet kien l-awtur rebbieħ ta’ Mużika Mużika permezz tal-kanzunetta ‘Mhux Tal-Aħħar’ ta’ Maxine Pace fuq kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar

Artist

Kompożitur

Awtur

Kapitlu Tlettax u Ema Vella

Joseph Mario Calleja, Liston Bongailas, Edward Magri u Cyprian Cassar

Joseph Mario Calleja, Liston Bongailas u Emil Calleja Bayliss

Artist

Kapitlu Tlettax u Ema Vella

Kompożitur

Joseph Mario Calleja, Liston Bongailas, Edward Magri u Cyprian Cassar

Awtur

Joseph Mario Calleja, Liston Bongailas u Emil Calleja Bayliss

bottom of page