Stennieni Ġej
Stennieni Ġej
Sinopsi
Il-kanzunetta titkellem dwar kif persuna minn żmien għal żmien tgħaddi minn mumenti ta’ ansjetà sforz il-ħajja mgħaġġla tal-lum. Il-kanzunetta tiffoka fuq kif kultant inkunu mgħobbijin iżżejjed, u kif dan mhux biss jaffetwa s-saħħa fiżika u mentali tagħna nfusna, imma jaffetwa wkoll ir-relazzjonijiet ma’ dawk l-aktar qrib tagħna. Għalkemm il-kanzunetta qed titkellem fuq dan is-suġġett sensittiv, l-awtur għażel li jwassalha b’mod mill-iżjed leġġer, biex mhux biss tasal b’lingwaġġ li jintuża ta’ kuljum, imma twasslu b’mod naturali u li jnissel sens ta’ pożittività.
Bijografiji
Janvil - Artist, Kompożitur u Awtur
Ian James Vella, magħruf aktar bħala J Anvil, twieled fl-4 ta' Awwissu tal-1975 f’Ħ’Attard.
Ian studja fl-iskola St Benild u l-Kulleġġ Stella Maris, u bħalissa qed jaħdem fix-xena tad-divertiment. Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal, Jade Marie Vella u Craig Roy Vella. Il-familja hija ferm għal qalb Ian, imma l-mużika u d-dinja tal-ispettaklu jgħożżhom daqsha.
Oriġinarjament Ian beda bħala żeffien, f’età tenera ħafna, fejn kellu wkoll opportunitajiet li jirrapreżenta lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet fosthom f'Weymouth, fir-Renju Unit, u l-Italja.
Il-karriera tal-kant tiegħu bdiet fl-2004 u kien proprju fl-2005 meta Ian iddeċieda li jipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta ‘You’, kompożizzjoni ta' Augosto Cardinali, lirika ta' Giovann Attard, li intgħażlet fost aktar minn mitt kanzunetta oħra u kienet waħda mit-22 finalisti li waslu sas-semifinali tal-kompetizzoni.
Matul is-snin, Ian ipparteċipa f'diversi festivals fejn f'ħafna minnhom huwa kklassifika fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post.
Ian ipparteċipa darbtejn fil-festival Mużika Mużika, fl-2021 bil-kanzunetta ‘Binti’ I fi dwett ma’ bintu Jade, u fl-2023 bħala parti mill-grupp CODA bil-kanzunetta ‘Flimkien’.
Ian preżenta diversi programmi televiżivi tul is-snin, preżentament qed jippreżenta programm ta’ kuljum, ‘Ċempel u Irbaħ’.
Kienet xewqa minn meta beda jkanta sabiex jasal biex jikrea waħdu u anke b'mod kollaborattiv il-proġetti tiegħu. Hu jħobb jikteb ħafna fuq esperjenzi personali u jħobb joħloq ħoss differenti bi stil innovattiv grazzi għall-esperjenza ta’ żfin. Hija esperjenza ġdida li s’issa tidher qed iħallu riżultati mixtieqa, saħansitra l-ewwel kanzunetta bl-isem ta ‘Man’ waslet fil-finali tal-Malta Eurovision Song Contest u niżlet tajjeb ħafna bħala stil. Xi ħaġa pożittiva dan l-aħħar ġie avviċinat minn producer mir-Rumanija fejn qiegħed jikkollabora b’xogħol ġdid li se nkunu nistaw nisimgħu fil-futur qarib.
Janvil jinsab vera onorat li din il-kanzunetta ‘Stennieni ġej’ waslet propju fil-finali ta’ Mużika Mużika 2025.
Edward Abela - Kompożitur
Edward Abela, magħruf aħjar bl-isem artistiku tiegħu ‘MIDNIGHT’, huwa kompożitur, producer, orkestratur, u awtur b’aktar minn 15-il sena esperjenza fl-industrija kreattiva tal-mużika. Wara li tgħallem, żviluppa u rfina il-professjoni tiegħu f’Londra, Edward ġie lura Malta fil-bidu tal-2021 u fi żmien qasir stabbilixxa The Midnight Studio.
Edward kien attiv ferm f’ħafna oqsma artistiċi. Ikkompona mużika għall-films li dehru f’avvenimenti prestiġjużi bħall-Cannes Film Festival. Il-mużika tal-produzzjonijiet tiegħu hija magħrufa sew minn pubblikaturi ewlenin, fosthom Warner u Universal. Proġetti internazzjonali notevoli jinkludu kontribuzzjonijiet għal ‘Batman: Bad Blood’ ta’ DC Comics u l-programmi ta’ fama mondjali MasterChef (fir-Renju Unit, l-Istati Unitiu Awstralja).
Aktar minn hekk, Edward kapaċi jaħdem b’mod versatili fuq firxa mill-aktar wiesgħa ta’ ġeneri mużikali bħal RnB, soul, pop, electronic u rock. Ikkollabora m’artisti rinomati bħal Sarah Bonnici, il-Lapes u Nadine, Megan May, Kurt Calleja, Jasmine Abela, Joe Roscoe, Janvil u Ray Agius. Ħadem ukoll ma’ Mike Spiteri, Shaun Farrugia, Red Electric u diversi artisti Maltin u oħrajn.
Dan l-aħħar, Edward ipproduċa u kkollabora mal-ħbieb antiki tiegħu Joe Roscoe u Kevin Paul fil-kitba ta’ ‘Same Old Story’’.
Edward jemmen u jimpenja ruħu bis-sħiħ fl-innovazzjoni u l-kreattività. Għandu programm tassew imżewwaq ta’ proġetti eċitanti għax-xhur li ġejjin li żgur ser isaħħulu postu bħala forza dinamika fix-xena tal-mużika, kemm f’Malta kif ukoll dik internazzjonali.