Lirika
Is-salib qiegħed hemm mhux biex taduraħ
Iżda biex iġġorru
Il-jasar mhux biex tegħreq fih
Iżda biex titgħallem tħollu
Il-ġid tgawdih
Mhux biex tieħdu kollu.
Tista’ tieħu dak li jmissek
U titlaq dak li jkissrek
Isservi lil min jadurak
U tqim ‘l min iwiddbek
Tħobb kull nifs li tieħu b’qalbek kollha
Kull sekonda hija mewta...
U tluq ġdid.
Għax il-ħajja tixbaħ bewsa,
Tisturdik bħall-inbid...
Żiffa ħelwa tittanta l-baħar
Mewġ ħafif iqarmeċ,
Iqegħdli s-sabar
Lura ġo sider mimli delużjoni
U moħħ itanbar
U llum ħlift li nerġa ndur
Lejn fejn ruħi tħaddar...
U nżilt sa Ta’ Qali
Waqt il-Covid qed jifgana
Tfal, klieb u blalen
U s-sema tarmi l-għana,
Kulħadd jidħak u jitbellaħ
Hi u nieżla x-xemx
Kull sekonda hija mewta...
U tluq ġdid.
Għax il-ħajja tixbaħ bewsa,
Tisturdik bħall-inbid...
U jekk salibek xbajt iġġorru,
Bir-rispett kollu itilqu l’hemm
Ħallieħ warajk u ejja ħa mmorru
Insibu ftit kenn.
Comments