top of page
Writer's pictureMużika Mużika

Ritorn grandjuż għall-Festival Kanzunetta Maltija Mużika Mużika

Updated: Mar 10, 2021

Konkors televiżiv bejn it-18 u l-20 ta’ Marzu 2021





Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien ma’ Festivals Malta għaddejin bil-preparamenti finali għar-ritorn grandjuż tal-Festival Kanzunetta Maltija fuq it-televiżjoni, permezz ta’ produzzjoni ta’ tlett ijiem li ser toffri pjattaforma ġdida u unika lill-artisti lokali biex jippreżentaw mużika bil-Malti.


Waqt konferenza stampa fejn tħabbru l-aħħar aġġornamenti tal-festival, il-Ministru José Herrera sostna li permezz ta’ Mużika Mużika, il-gvern ser ikun qed jimplementa wegħda elettrali oħra fissettur tal-kultura. “Frott il-ħidma ta’ Mużika Mużika aħna qed niktbu paġna ġdida fl-istorja talindustrija tal-mużika lokali. Dan il-festival ser iservi ta’ katalist fl-iżvilupp ta’ artisti minn kull ġeneru ta’ mużika billi joħloq opportunitajiet ġodda għal dawk li jixtiequ jesprimu t-talent tagħhom permezz tal-lingwa Maltija”, stqarr il-Ministru Herrera.


“Mużika Mużika joffri wkoll eżempju ċar ta’ kif organizzazzjonijiet pubbliċi kulturali u entitatijiet governattivi oħra jistgħu jgħaqdu l-aħjar riżorsi tagħhom u jikkollaboraw flimkien biex jipproduċu produzzjoni tal-għola kwalita, u ta’ valur artistiku straordinarju,” ikkonkluda Herrera.


Il-konferenza stampa kienet indirizzata wkoll mill-Ministru fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li huwa responsabbli mill-Istazzjon Nazzjonali (PBS), li ser ikun qed jittrasmetti ilfestival wara l-memorandum of understanding bejn il-PBS u Festivals Malta. L-MoU ser iwassal għall-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet biex jipproduċu programmi kulturali u artistiċi tal-aqwa kwalità, bħal Mużika Mużika.


Il-Ministru Carmelo Abela stqarr li dan il-festival tabilħaqq mhux biss jagħti spazju lil artisti, kompożituri u awturi sabiex jippromwovu l-kanzunetta Maltija iżda huwa ċelebrazzjoni tal-identità tagħna u fejn l-ilsien Malti huwa protagonist. Barra min hekk, dan il-festival qiegħed jikkumplimenta l-bosta proposti li nsibu fil-manifest elettorali fis-settur tal-arti u l-kultura.


Sostna li dan il-produzzjoni televiżiva, li huwa mistenni li jkun ta’ kwalità għolja, qed isir bis-saħħa tal-Public Broadcasting Services. Il-Ministru hawn semma kif il-PBS qed ikompli jsaħħaħ l-operat tiegħu ħalli tkompli titjib il-kwalità fix-xandir kif qed jiġri f’dawn l-aħħar snin, fejn it-telespettatur gawda minn produzzjoni televiżiva ta’ livell għoli. Huwa faħħar din il-ħidma sfiqa li saret bejn entitajiet differenti u awgura kull suċċess sabiex dan il-festival isir appuntament mistenni ta’ kull sena.


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala introduċiet ir-ritorn grandjuż tal-festival wara assenza ta’ 8 snin – ritorn b’isem ġdid u bi strateġija innovattiva. “Mużika Mużika huwa addizzjoni importanti għall-portafoll tal-agenzija. Sa mill-bidu, l-għan tagħna kien li nilħqu ġenerazzjonijiet diversi permezz ta’ kampanja ntensiva b’viżjoni zagħżugħa u b’messaġġi indirizzati lill-ġeneri kollha mix-xena tal-mużika lokali, filwaqt li żammejna f’moħħna l-udjenza tradizzjonali li ser tesperjenza spettaklu mill-isbaħ b’orkestra live”, qalet is-Sa Stivala.


Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja tkellem dwar il-preparamenti loġistiċi u kreattivi tal-festival li ilhom għaddejin ’il fuq minn sena. Mużika Mużika ser ikollu palk installat b’teknika għolja għal produzzjoni ta’ dan it-tip. Bugeja introduċa wkoll il-preżentaturi tal-festival – Keith Demicoli, Claire Agius Ordway, Lara Azzopardi u Sarah-Lee Zammit, tim dinamiku li ser iżomm lspettaklu ħaj matul il-Festival kollu. Minn wara l-kwinti il-koppja vivaċi ta’ Gianni Zammit u Taryn Mamo Cefai se jżommu l-udjenza aġġornata b’dak kollu li ser ikun qed jiġri backstage, b’intervisti live mal-parteċipanti, kompożituri u awturi waqt li jkun għaddej il-Festival u fuq il-midja soċjali.


Jason Micallef, f'isem it-tim tal-produzzjoni, irrimarka kif l-applikazzjonijiet laħqu ġeneru mużikali divers, b’artisti ġodda, stabbiliti, kif ukoll bands. Dan se jmexxi ’l quddiem żminijiet eċċitanti fissettur tal-mużika lokali. Micallef faħħar ix-xogħol u l-kollaborazzjoni bejn il-Festival u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li se jakkumpanjaw lill-parteċipanti live.


Il-kanzunetta rebbieħa ser tingħata l-premju ta’ €10,000. Il-kanzunetti fit-tieni u t-tielet post ħa jingħataw is-somma ta’ €5,000 u dik ta’ €3,000 rispettivament. Kull kanzunetta semifinalista ser tingħata wkoll is-somma ta’ €500 sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jtaffu ftit mill-ispejjeż marbuta ma’ dan it-tip ta’ konkors. Il-kanzunetti rebbieħa ser jitgħażlu permezz ta’ ġurija u SMS voting millpubbliku ġenerali. Ir-regolamenti tal-SMS voting ser ikunu ppubblikati fuq is-sit elettroniku ta’ Mużika Mużika.


Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija ser jixxandar fuq TVM bejn it-18 l-u 20 ta’ Marzu fid9:00pm. Aktar informazzjoni fuq www.muzikamuzika.org



160 views

Comments


bottom of page