Hawn hu il-palk tal-Festival Kanzunetta Maltija 2021
Iddisinjat bi stil kontemporanju mit-tim ta’ Festivals Malta u żviluppat minn Gerald Agius Ordway, dan il-palk ġie mfassal b’diversi livelli biex jakkomoda l-Malta Philharmonic Orchestra b’madwar 50 mużiċist li ser ikunu qed jakkumpanjaw lill-parteċipanti fit-tliet serati ta’ dan il-festival. Ġie mqassam b’tali mod li jkun hemm biżżejjed distanza soċjali imma li fl-istess ħin jippermetti viżwali mill-isbaħ għall-produzzjoni televiżiva.
Il-palk huwa ‘l fuq minn 25 metru wiesa u huwa mdawwar b’200 metru kwadru ta’ LED Screens, għandu 400 metru ta’ LED strips, u imdawwal b’il fuq minn 350 bozza. Il-forma tiegħu hija ispirata mill-ikona tal-festival – żewġ noti mużikali li flimkien jiffurmaw l-ittra ‘M’.
Mgħammar bl-aqwa teknoloġija ta’ dawl u sound, il-palk ta’ Mużika Mużika se joffri esperjenza grandjuża kemm lill-parteċipanti kif ukoll lit-telespettaturi li ser ikunu qed igawdu dan il-festival minn ġewwa djarhom.
Mużika Mużika ser jixxandar nhar it-18, 19 u 20 ta’ Marzu fid-9:00 ta’ filgħaxija fuq TVM.
Comentários