Fadal biss xahar għar-raba’ edizzjoni tal-festival Mużika Mużika
Tħabbru l-aħħar dettalji għar-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika, li ser issir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024. Mużika Mużika għal darb’oħra ser jerġa’ joffri pjattaforma prestiġjuża lill-kontestanti, fejn ser jiġu ppreżentati live għall-ewwel darba għoxrin kompożizzjoni bil-Malti, akkumpanjati mill-Malta Philharmonic Orchestra.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li bħalissa t-tim ta’ Festivals Malta qed jaħdem qatigħ biex Mużika Mużika jerġa’ jkun ta’ suċċess għar-raba’ sena konsekuttiva.
Il-Ministru Bonnici qal, “Mużika Mużika sar appuntament annwali għal bosta professjonisti fil-qasam mużikali, tekniċi, kif ukoll għall-poplu Malti u Għawdxi li ta’ kull sena jsegwu dan il-festival b’tant entużjażmu.”
“B’wiċċi mill-quddiem ngħid li ser inkomplu ninvestu f’dan il-festival tant importanti, u dan sabiex l-artisti tagħna jkomplu jesponu t-talenti tagħhom u jesprimu ruħhom mużikalment permezz tal-lingwa Maltija, li tant hija għażiża għalina,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta Aaron Zahra tkellem fuq il-preparamenti loġistiċi tal-festival u kif it-tim ta’ Festivals Malta qed jaħdem biex jibqa’ jgħolli l-livell tal-festival. “Mużika Mużika huwa festival li jirrikjedi sigħat twal ta’ xogħol, diskussjonijiet twal, preparamenti loġistiċi kbar fosthom fejn jidħlu arranġamenti mużikali, il-provi tal-prestazzjonijiet u dawk mal-Malta Philharmonic Orchestra, fost ħafna affarijiet oħra. Sodisfatt u kburi ferm bix-xogħol li sar s’issa u b’dak li għadu qiegħed isir, u m’għandix dubju li dan il-festival ser jerġa’ jeċċedi kull aspettativa għar-raba’ sena konsekuttiva.”
Frans Agius, il-Kap Eżekuttiv, ħabbar li din is-sena l-palk ta’ Mużika Mużika ser ikun qed jinkludi elementi 3D biex juri moviment bil-viżwali minn kwalunkwe angolu, kif ukoll għadd kbir ta’ LED screens u elementi jiċċaqalqu li ser jikkumplimentaw l-istil uniku tal-palk. “Bla dubju l-palk ser jerġa’ jkun wieħed spettakolari nħeġġeġ lil kull min għandu dan il-festival għal qalbu biex ikun magħna fis-sala u jesperjenzah live.” Hu tkellem ukoll dwar il-biljetti għall-festival, li diġa huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-festival. “Il-biljetti qed jinxtraw b’rata mgħaġġla u b’hekk inħeġġeġ lil kull min hu interessat biex ma jħallix għall-aħħar ħalli ma jkunx iddiżappuntat. Nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tas-sapport u tal-entużjażmu li qed juri lejn Mużika Mużika,” ikkonkluda s-Sur Agius.
Iċ-Chairperson ta’ Mużika Mużika, Ray Bugeja, kompla jisħaq fuq l-importanza ta’ Mużika Mużika, li sena wara sena jibqa’ jgħolli l-livell tiegħu kemm fejn tidħol produzzjoni kif ukoll fuq livell artistiku. “L-aħħar edizzjoni, bħall-edizzjonijiet kollha preċedenti, intemmet b’suċċess kbir, u m’għandix dubju li din is-sena l-ispettaklu żgur ser jerġa jkun ta’ kalibru għoli.” Apparti minn hekk, is-Sur Bugeja kompla billi ħabbar il-preżentaturi ta’ din is-sena. “Kuntent ngħid li għal darb’oħra ser nerġaw naraw il-preżentaturi bravissimi tagħna Keith Demicoli, Clare Agius, u Moira Delia fuq il-palk tagħna li bla dubju ser iżommulna kumpanija tajba tul it-tliet serati tal-festival.
Tkellem ukoll id-Direttur Artistiku tal-Festival, Paul Abela, li qal “Din is-sena ser nerġgħu naraw il-Lejla tal-Klassiċi, li ser issir fil-15 ta’ Marzu. Lejla li bosta nies jistennewha bi ħġarhom biex jesperjenzaw kanzunetti klassiċi Maltin li ser jiġu interpretati minn diversi kantanti stabbiliti fix-xena tal-mużika lokali. Ħerqan ferm biex nara lill-parteċipanti flimkien mal-Orkestra jagħtu l-prestazzjoni tagħhom waqt Mużika Mużika, u biex naqsmu l-għoxrin kanzunetta ta’ din is-sena mas-segwaċi tal-festival. Nawgura lill-kantanti tagħna l-akbar suċċess.” Il-Maestro Abela ħabbar ukoll il-mistiedna speċjali li ser ikunu qed jagħtu l-ispettaklu tagħhom fis-serata finali. Hu qal, “Inħabbar ukoll li din is-sena l-mistiedna speċjali tagħna ser ikunu ħadd ħlief Gianluca Bezzina li rebaħ it-tielet edizzjoni tal-festival, kif ukoll Shaun Farrugia, li rnexxhielu jikseb suċċess kbir internazzjonalment.”
Ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser isseħħ bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024. Għall-biljetti u aktar informazzjoni żur muzikamuzika.mt.
Kommentare