top of page
Writer's pictureMużika Mużika

Mużika Mużika jibda’ l-Ħamis li ġej!

L-akbar festival ta’ mużika Maltija jirritorna bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu għar-raba’ edizzjoni tiegħu.


Ritratt - Elisa Von Brockdorff

Mużika Mużika qiegħed biss ftit ġranet ‘il bogħod u l-preparamenti loġistiċi waslu fil-fażi finali tagħhom. Dan il-festival sar sinonimu għal-livell għoli tiegħu kemm ma’ diversi kantanti, awturi u kompożituri lokali, kif ukoll ma’ bosta segwaċi li ta’ kull sena jistennew bi ħġarhom biex jisimgħu 20 kompożizzjoni oriġinali bil-Malti.


Il-Ħamis li ġej 14 ta’ Marzu, il-parteċipanti semifinalisti ser jippreżentaw il-kanzunetti tagħhom għall-ewwel darba, fejn l-udjenzi ser jiġu mistiedna jivvutaw għall-kanzunetta favorita tagħhom. L-għada, il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu, ser terġa ssir is-‘Serata tal-Klassiċi’, fejn il-parteċipanti ser ikantaw ma’ 20 kantant stabbilit fix-xena tal-mużika lokali. Fl-aħħar ta’ din is-serata ser jitħabbru t-12-il finalist li jerġgħu jippreżentaw il-kanzunetta tagħhom l-għada s-Sibt 16 ta’ Marzu, fejn fl-aħħar titħabbar il-kanzunetta rebbieħa.


It-tim ta’ Festivals Malta għaddej bl-aħħar preparamenti fejn jidħlu l-provi tad-dwal u tal-mużika orkestrali, il-provi tal-kantanti nnifishom, il-koordinazzjoni loġistika u ħafna aktar. Wieħed mill-aktar elementi antiċipati waqt Mużika Mużika huwa proprju l-palk spettakolari li ta’ kull sena jiġi ddisinjat mill-ġdid. Il-ġimgħa li għaddiet, Festivals Malta żvela d-disinn tal-palk li juri diversi LED screens, pjattaforma dedikata għal kondutturi, post għall-orkestra fuq kull naħa, kif ukoll, element ġdid għal din is-sena, spazju għall-greenroom li ser tkun quddiem il-palk.


Ritratti - Elisa Von Brockdorff


Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius qal “Mużika Mużika sar appuntament annwali għal ħafna, u t-tim ta’ Festivals Malta qed jagħmel minn kollox biex għal darb’oħra dan il-festival jerġa jkun ta’ suċċess. Kburi bix-xogħol li qiegħed isir u ħerqan biex nara kollox jilħaq il-quċċata tiegħu waqt it-tliet serati tal-festival”.


Mużika Mużika ser isir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu fl-MFCC Ta’ Qali, u ser jixxandar b’mod dirett fuq TVM. Għal aktar informazzjoni u għall-biljetti wieħed għandu jżur www.muzikamuzika.mt.


 

292 views

Comments


bottom of page