top of page
Writer's pictureMużika Mużika

Il-kanzunetta ‘Mhux tal-Aħħar’ tirbaħ ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika

Żieda fil-livell għar-raba' sena konsekuttiva, permezz ta' spettakli live mill-isbaħ bis-sehem ta' uħud mill-aqwa talenti lokali.


Ritratt: Lorella Castillo

Ingħalaq is-siparju fuq il-festival Mużika Mużika, li ntemm b'suċċess wara tlett iljieli li ċċelebraw il-mużika Maltija. Il-festival ra żieda fil-livell għar-raba' sena konsekuttiva, permezz ta' spettaklu live tal-għola livell bis-sehem ta' ftit mill-aqwa artisti lokali. Waqt is-serata finali tas-Sibt 16 ta' Marzu, tħabbret il-kanzunetta rebbieħa tar-raba' edizzjoni tal-festival li ġġib l-isem ta' 'Mhux tal-Aħħar', interpretata minn Maxine Pace fuq mużika ta' Cyprian Cassar u lirika ta' Emil Calleja Bayliss. Il-kanzunetta 'Vjaġġ Sabiħ', interpretata minn Kantera, fuq mużika ta' Kantera u Micimago u lirika ta' Joe Julian Farrugia ġiet klassifikata fit-tieni post, waqt li l-kanzunetta 'Fil-Qrib', interpretata minn Cliff Zammit Stevens, fuq mużika ta' Philip Vella u lirika ta' Joe Julian Farrugia ġiet klassifikata fit-tielet post. Ġew rikonoxxuti wkoll is-Surmast Aurelio Belli għall-Aqwa Arranġament Mużikali tal-kanzunetta '3 Ta' Ġunju 2021' u l-kantanta GIADA għall-Aqwa Interpretazzjoni tal-kanzunetta 'Imħabba Vera'.


 

''Assistejna għal tlett iljieli li ċċelebraw il-mużika Maltija u għal sena oħra reġgħu ħallewna msaħħrin. Il-festival ta' din is-sena tela' għal livelli ġodda, u ta pjattaforma għat-talent lokali li interpretaw kanzunetti mill-isbaħ bil-lingwa tagħna l-Maltin u l-Għawdxin", spjega l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. “Filwaqt li nawgura lir-rebbieħ tar-raba' edizzjoni ta' Mużika Mużika, nagħtu wkoll ħajr lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u lis-Surmastrijiet rispettivi għall-arranġament mużikali tal-kanzunetti li smajna matul dawn il-jiem u lill-kantanti kollha għall-prestazzjonijiet tagħhom u t-tim kollu li ħadem minn wara l-kwinti", saħaq il-Ministru Bonnici. “Grazzi lil dawk kollha li taw sehemhom għal dan l-avveniment indimentikabbli, inkluż il-kompożituri, awturi u tekniċi. Ejja nkomplu nħallu l-imħabba lejn il-mużika Maltija tkompli tissawwar ġewwa fina lkoll", temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Aaron Zahra, Chairman ta' Festivals Malta esprima s-sodisfazzjon tiegħu lejn il-produzzjoni tar-raba' edizzjoni tal-festival u bis-suċċess li nkiseb. “It-tim ta' Festivals Malta reġa' ssupera kull aspettattiva kemm fejn tidħol il-livell tal-produzzjoni, l-elementi tekniċi bl-aktar teknoloġija moderna, il-koordinazzjoni tal-festival, kif ukoll l-elementi kollha l-oħra li jaħdmu f'armonija perfetta biex Mużika Mużika jkun ta' suċċess. Nirringrazzja lit-tim kollu, lill-kollaboraturi, lit-tekniċi, u b'mod speċjali lill-artisti li mingħajr it-talent tagħhom dan il-festival ma jkunx possibbli. Kommessi li bħala Festivals Malta nibqgħu ngħollu l-livell tal-avvenimenti li nipproduċu biex kull sena nkomplu ntejbu l-prodott tagħna. Inħares 'il quddiem li b'mod immedjat tibda l-ħidma għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla li timmarka l-ħames sena ta' Mużika Mużika."


Il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta Frans Agius tkellem fuq l-importanza ta' festival bħal Mużika Mużika li permezz tiegħu l-kanzunetta Maltija reġgħet kisbet pjattaforma prominenti fix-xena tal-mużika lokali. “Mużika Mużika huwa ċelebrazzjoni ta' mużika Maltija li jżewwaq il-portafoll ta' Festivals Malta. B'Mużika Mużika, Festivals Malta mhux biss iżżid l-apprezzament lejn il-mużika u l-ilsien Malti, iżda tgħin lill-artisti lokali biex jippreżentaw il-mużika tagħhom fuq livell ugwali bħal dak ta' pajjiżi oħra. Nirringrazzja lill-kollegi tiegħi ta' Festivals Malta għall-impenn tagħhom u niffraħ lir-rebbieħ, filwaqt li nirringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw għall-professjonalità tagħhom."

 

Raymond Bugeja, Chairman ta' Mużika Mużika qal, “kburi bir-riżultat ta' Mużika Mużika li għar-raba' sena konsekuttiva rnexxielu jilħaq miri ġodda. Dan il-festival huwa prova ċara tal-abbundanza tat-talent Malti, li dejjem qed ikompli jogħla fil-livell, u kburi ngħid li l-għan prinċipali għalxiex dan il-festival reġa' ingħata l-ħajja, intlaħaq. Prova ċara ta' dan huwa l-kwalità għolja ta' kompożizzjonijiet li ta' kull sena dejjem qed jitjiebu fil-livell."


Id-Direttur Artistiku ta' Mużika Mużika, Paul Abela, ikkonkluda b'messaġġ lill-artisti parteċipi, filwaqt li awgura r-rebbieħ li bla dubju ta prestazzjoni mill-aqwa. “L-istandard tal-festival kompla jiżdied, u kuntent ngħid li l-artisti tagħna huma fuq livell eċċezzjonali. Filwaqt li nawgura lir-rebbieħ ta' din l-edizzjoni , nfakkar li waqt Mużika Mużika r-rebbieħa ewlenija hija l-kanzunetta Maltija, li hija ċ-ċentru ta' dan il-festival tant maħbub. Żgur li l-ħames edizzjoni ta' Mużika Mużika ħa tkun waħda xejn inqas minn spettakolari."

 

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien ma' Festivals Malta u l-bord ta' Mużika Mużika, jirringrazzjaw lil dawk kollha li b'xi mod jew ieħor kienu involuti waqt Mużika Mużika u jesprimu l-gratitudni lejn il-pubbliku li ta' kull sena jappoġġjaw dan il-festival bi ħġaru.

 

Il-Kanzunetti rebbieħa huma:


L-EWWEL POST:

Kanzunetta: Mhux tal-Aħħar

Kantanta: Maxine

Kompożitur: Cyprian Cassar

Awtur: Emil Calleja Bayliss

Premju Monetarju*: €20,000

 

IT-TIENI POST:

Kanzunetta: Vjaġġ Sabiħ

Kantanti: Kantera

Kompożituri: Kantera u Micimago

Awtur: Joe Julian Farrugia

Premju Monetarju*: €10,000

 

IT-TIELET POST:

Kanzunetta: Fil-Qrib

Kantant: Cliff Zammit Stevens

Kompożitur: Philip Vella

Awtur: Joe Julian Farrugia

Premju Monetarju*: €5,000

 

L-AĦJAR ARRANĠAMENT MUŻIKALI:

Kanzunetta: 3 Ta' Ġunju 2021

Arranġament: Aurelio Belli

Kantant: Neville Refalo

Kompożitriċi: Corazon Mizzi

Awtriċi: Corazon Mizzi

 

L-AĦJAR INTERPRETAZZJONI:

Kanzunetta: IMĦABBA VERA

Kantanta:  GIADA

Kompożitur: Glen Vella

Awtur: Philip Vella

 

Il-premijiet monetarji ser jiġu ppreżentati f'ċerimonja apposta.


Ritratti: Lorella Castillo

792 views

Comments


bottom of page