Ix-xahar li għadda l-poplu Malti ingħaqad biex isegwi ċelebrazzjoni grandjuża tal-Mużika Maltija; il-produzzjoni li għadha s’issa fuq fomm kulħadd – MUŻIKA MUŻIKA. Produzzjoni li mhux biss reġgħet saħħet l-importanza tal-Mużika Maltija, iżda li wkoll iċċelebrat il-lingwa poetika tagħna permezz ta’ mużika orkestrali live. Mużika Mużika ppreżenta 20 kanzunetta li servew bħala xhieda tat-talent Malti.
“Produzzjoni bħal din ġabet bosta sfidi, kemm minħabba l-iskala u n-natura tagħha, kif ukoll minħabba l-pandemija. Minkejja dan, it-tim ta’ Festivals Malta, flimkien mal-bordijiet ta’ Mużika Mużika u bosta professjonisti fil-qasam, irnexxilu jaħdem kontra l-isfidi b’passjoni u determinazzjoni mill-aktar b’saħħita, biex din il-produzzjoni tkun ta’ suċċess. Wara xhur ta’ ħidma intensiva, Mużika Mużika mhux talli sar realta’, iżda rnexxielu wkoll jikseb suċċessi kbar b’udejnza ta’ ‘l fuq minn 320K telespettatur. F’isem Festivals Malta nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom.” – Annabelle Stivala, Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta.
Produzzjoni u Organizzazzjoni
Daryl Ebejer – Jeanelle Vella – Lara Darmanin – Ruben Balzan – Mario Cassar –– Monique Sammut
It-tim tal-produzzjoni u organizzazzjoni ta’ Mużika Mużika kien jikkonsisti mill-maniġers Daryl Ebejer u Jeanelle Vella, flimkien mal-membri tat-tim tagħhom. Dawn kienu preżenti waqt il-laqgħat tal-kumitat u fit-tfassil tar-regolamenti, kif ukoll ħadu ħsieb il-proċess kollu tas-sottomissjonijiet tal-kanzunetti li ħa ammont sostanzjali ta’ ħin. Fl-aħħar xhur ta’ preparamenti kienu jkunu preżenti wkoll waqt laqgħat tal-produzzjoni u ħadu ħsieb, bl-għajnuna tat-timijiet l-oħra fi ħdan Festivals Malta, il-proċess tal-akkwist.
“Meta dħalna fl-aħħar tlett ġimgħat ta’ preparamenti, traslokajna l-uffiċju tagħna ġewwa l-MFCC biex f’każ ta’ bżonn inkunu viċin u deċiżjoni tittieħed fil-pront. Kienu tlett ġimgħat intensivi, fejn ħdimna ħinijiet twal, pero’ dejjem irnexxielna nżommu l-entużjazmu!” – Daryl Ebejer
“Għalkemm din il-produzzjoni kienet dejjem maħsuba biex tkun waħda televiżiva, waħda mill-ikbar sfidi li ffaċċjajna kienet il-pandemija, li minbarra li kellna ntellgħu din il-produzzjoni mingħajr udjenza, din ġabet magħha numru ta’ miżuri li kellna nimplimentaw fuq il-post sabiex niżguraw li kollox ikun skond il-linji gwida maħruġa mid-dipartiment tas-saħħa. Pero’, grazzi għal tim tal-produzzjoni ħabrieki rnexxielna negħlbu kull sfida li sibna ma’ wiċċna.” – Jeanelle Vella
Marketing
Alice Azzopardi – Celine Caruana – Clayton Saliba – Terrence Cutajar – Clint Bajada – Emma Vincenti – Ashley Davis –– Ryan Spiteri – Felix Busuttil
It-tim tal-Marketing, immexxi mil-maniġer Alice Azzopardi, ħa ħsieb jiddisinja kampanja ta’ promozzjoni, l-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-produzzjoni ta’ kontenut editorjali, diġitali u awdjoviżiv, inkluż il-kollaborazzjoni ma’ diversi professjonisti, entitajiet ta’ riklamar u anke mal-midja. Huma kkordinaw ukoll ix-xogħol li ried isir mill-aġenzija fejn jidħol id-disinn u l-produzzjoni ta’ materjal promozzjonali. Dan it-tim kien ukoll responsabbli mid-disinn tal-palk u l-branding li ġie implimentat mill-aġenzija biex ġie maħluq il-materjal promozzjonali, id-disinn tas-sit elettroniku, il-produzzjoni tal-kontenut tal-midja soċjali, kif ukoll il-koordinazzjoni ta’ intervisti fuq ir-radju u t-tv mal-producers tal-istazzjonijiet differenti u mal-parteċipanti, il-koordinazzjoni tal-fotografi waqt il-festival u l-arkivjar tax-xogħol kollu relatat ma’ din il-produzzjoni.
“Mużika Mużika offrielna esperjenza unika fuq diversi binarji. Il-loġistika wara l-produzzjoni kienet mhux biss sors ta’ trawwim għat-tim, iżda wkoll offriet l-opportunita’ li nippromwovu prodott li jilħaq udjenza wiesgħa ħafna. Din il-produzzjoni tatna l-opportunita’ li naħdmu ma’ diversi professjonisti fil-qasam li tatna opportunita’ li nisfruttaw il-kapaċitajiet kollha tagħna.” – Alice Azzopardi
“Li naħdem fuq l-identita’ ta’ Mużika Mużika kienet esperjenza unika. Mhux ta’ sikwit ikun hemm l-opportunita’ li taħdem fuq identita’ b’fondazzjoni ta’ wirt storiku. Opportunita’ li ppreżentat sfida sabiex jinħoloq bilanċ bejn l-istorja rikka tal-kanzunetta Maltija u identita’ kontemporanja. Wasalna sabiex noħolqu applikazzjonijiet memorabbli li jirriflettu l-ikona ta’ Mużika Mużika bħall-palk stupend, il-premjijiet tar-rebbieħa u d-disinji fuq pjattaformi vasti, li permezz tagħhom wassalna messaġġ qawwi u sħiħ lil udjenzi tagħna. Biċ-ċert ngħid li dan kien l-ewwel pass li bih ħa nkomplu nsostnu l-identita’ ta’ Mużika Mużika, kif ukoll l-identita Maltija.” – Terrence Cutajar
“Ix-xogħol fejn jidħol is-sit elettroniku ta’ Mużika Mużika kien wieħed kontinwu u ntensiv. Minħabba li din il-produzzjoni kienet waħda televiżiva biss, rajna kif stajna nwasslu dan il-festival fid-djar tan-nies bl-aħjar mod possibbli permezz ta’ intervisti, ritratti u siltiet interessanti u billi nagħtu esperjenza ta’ disinn modern u skont l-aħħar tendenzi viżivi, fejn l-utenti setgħu ikunu parti minn din l-esperjenza meraviljuża fil-kumdità ta’ djarhom.” – Clayton Saliba
Backstage
Sandro Kitcher – Caroline Agius – Martina Bonello – Mario Cassar – Antoine Farrugia – Ronnie Vella
Immexxi primarjament mill-maniġer tal-palk Sandro Kitcher, it-tim tal-backstage kien jikkonsisti minn Caroline Agius, Martina Bonello, Mario Cassar, Antoine Farrugia u Ronnie Vella. Huma ħadu ħsieb li l-artisti jkunu ppreparati għall-prestazzjoni tagħhom bl-aħjar mod possibli mill-aspett tekniku u li l-palk ikun ippreparat kif meħtieġ. Dan ix-xogħol ma kienx wieħed faċli minħabba l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija hekk kif ir-responsabbilta’ li jipproteġu s-saħħa tal-kantanti u l-mużiċisti ta’ fuq il-palk waqgħet ukoll fuq it-tim tal-backstage.
Apparti l-irwoli tagħhom fil-backstage, it-tim ta’ Caroline Agius ħadem ukoll fil-bidu tal-proċess, fejn offra l-assistenza lit-tim organizzattiv fuq it-tenders meħtieġa biex sar l-akkwist tal-palk, tad-dawl, tas-sound, eċċ.
"L-esperjenza tiegħi waqt Muzika Muzika bħala Stage Manager kienet waħda li ma ninsa qatt. Ilni ħafna naħdem f’dan il-qasam, imma bħala konkors ta’ dan it-tip, kienet l-ewwel esperjenza tiegħi. Kien hemm mumenti sbieħ, ta’ tensjoni, kif ukoll umoristiċi. F’diska partikolari kelli noħroġ fuq il-palk biex inneħħi stand ta’ microphone f’inqas minn 10 sekondi. Ġirja tajba, imma wkoll ridt noqgħod attent li ma ninqabadx mill-cameras, li ma kienux ftit!” – Sandro Kitcher
“Kull persuna kellha tagħmel xi tip ta’ sagrifiċċju jew ieħor minħabba l-pandemija, per eżempju l-artisti kellhom jibqgħu fil-kmamar tagħhom ħlief meta kellhom jitilgħu fuq il-palk sabiex kulħadd iżomm il-bubble tiegħu. Għaldaqstant ħloqna metodu kif ikun hemm taħlit mill-inqas bejn l-artisti.” – Caroline Agius
Amministrazzjoni
Patrick Spiteri – Frans Agius – Marcon Caruana – Gertrude Debono – Anton Miceli – Mariella Portelli – Gay Sultana
Frans Agius u Anton Miceli, flimkien mal-maniġer tal-Amministrazzjoni Patrick Spiteri u t-tim tiegħu, kienu iffukati aktar fuq il-bżonnijiet amministrattivi ta’ din il-produzzjoni, inkluż il-finanzi u t-tenders li kien hemm bżonn isiru. Peress li Festivals Malta huwa wkoll responsabbli minn diversi avvenimenti oħra li riedu jibqu għaddejjin waqt li t-tim kollu tal-aġenzija kien involut fix-xogħol ta’ Mużika Mużika, t-tim amministrattiv kellu jibqa fl-uffiċini biex iżomm ix-xogħol l-ieħor miexi.
“Fil-jiem tal-festival, Gay Sultana u Marcon Caruana ħadu r-rwol tal-ospitalita’ tal-parteċipanti biex jeskortawom u jgħinuhom f’dak kollu li jkollhom bżonn. Issa li għadda l-festival, Mariella Portelli u Gertrude Debono qed jassistu t-tim tal-produzzjoni fuq il-paperwork li m’huwiex ftit. L-rwol tiegħi kien l-aktar abbinat mal-finanzi flimkien mal-process tal-akkwist ta’ dak kollu li kien meħtieġ, inkluż it-tender tal-palk. Nemmen li l-akbar sfida li kellna kienet l-effett li l-pandemija ħalliet kemm fejn jidħlu l-finanzi tal-festival, kif ukoll is-sagriffiċċji kbar li kellhom jagħmlu l-ħaddiema kollha, pero’ kburi ngħid li bħala tim magħqud irnexxielna ngħelbu s-sitwazzjonijiet kollha” – Patrick Spiteri
“Bħala Assistant Direttur l-irwol tiegħi f’Mużika Mużika kien wieħed ġeneriku, orjentat aktar fuq temi li jinqagħlu f’kull organizzazjoni ta’ dan il-kobor minn żmien għal żmien. Matul l-aħħar ġranet kont ukoll qed ngħati l-assistenza tiegħi lis-CEO f’dak kollu li kien ikun hemm bżonn waqt l-organizzazjoni u s-serati tal-Festival.
Jidher li min-naħa tal-entitajiet u kuntratturi li ħdimna magħhom matul il-produzzjoni kellna reazzjonijiet pożittivi ħafna. Kien imfaħħar ħafna l-professjonalita’ tal-istaff ta’ Festivals Malta u L-organizzazjoni ġenerali. Mill-banda l-oħra r-rispons tal-pubbliku kien wieħed eċċezzjonali, ftit li xejn kien hemm kritika u l-kummenti kienu ta’ tifħir kemm għall-organizzazjoni kif ukoll għall-livell għoli tal-kanzunetti finalisti.” – Frans Agius
“Mir-rispons pożittiv li rċieva dan il-konkors, jidher li Mużika Mużika qed jerġa jħajjar il-parteċipazzjoni fil-konkorsi tal-kanzunetti bil-Malti u naħseb se jgħin bis-sħiħ biex il-mużika u l-kanzunetta nterpretata bil-lingwa tagħna terġa’ tingħata l-importanza u l-apprezzament xieraq.” – Anton Miceli
Sorveljenza tas-Sigurta’
Clint Bonavia
Festivals Malta ħa diversi miżuri ta’ sigurta’ biex jissalvagwardja s-saħħa tal-parteċipanti, kif ukoll il-ħaddiema kollha. Biex jiżgura dan, Clint Bonavia kien inkarigat mis-sorveljanza tas-sigurta’ fuq il-post. L-MFCC ġie mibdul fi studio b’diversi żoni biex ikun hemm taħlit mill-inqas, id-distanza soċjali bdiet tiġi osservata, l-maskri ġew milbusa f’kull ħin u kien hemm diversi stazzjonijiet ta’ sanitizzazzjoni u tabelli biex ifakkru lil dak li jkun fir-regoli.
“Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li kulħadd mexa mar-regoli li kellna, kemm mil-lat ta’ sigurta’ kif ukoll dawk li ġew infurzati minħabba l-pandemija preżenti. Kien hemm kollaborazzjoni u ftehim sħiħ bejn kullħadd, kemm it-tim tagħna fuq il-post, il-ħaddiema u anke l-artisti. Kulħadd ikkoopera bl-aktar mod professjonali.” – Clint Bonavia
Amministrazzjoni tal-Ġurija
Terrence Cutajar – Isabelle Gatt
Isabelle Gatt u Terrence Cutajar kellom l-inkarigu biex jassistu lill-ġurija u lin-Nutar tal-Gvern tul il-produzzjoni. Il-ġurija kienet ġewwa mobile unit fejn segwew il-produzzjoni fuq lis-screen.
“Waħda mill-isfidi kienet li l-ġurija riedu jżommu d-distanza soċjali u għal dan il-għan it-trailer kien mgħammar bi cubicles tal-perspecs. Minkejja dawn id-diversi protokolli relatati mas-saħħa u s-sigurta’ li kellhom jiġu osservati nemmen li kollox mexa ħarir u kulħadd ikkopera mill-iktar possibbli.” – Isabelle Gatt
Comments