Ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser issir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu.
Festivals Malta ħabbar li l-Ħadd 19 ta’ Novembru ntagħżlu l-20 kanzunetta li ser ikunu qed jikkompetu fl-ewwel serata ta’ Mużika Mużika 2024. L-40 kanzunetta li għaddew mill-ewwel fażi eliminatorja ġew interpretati live, akkumpanjati minn backing track, quddiem ġurija seperata minn dik tal-fażi eliminatorja preċedenti. Wara deliberazzjoni fuq kull kanzunetta ppreżentata, intagħżlu l-20 kanzunetta semifinalista fil-preżenza tan-nutar tal-Gvern.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius sostna li, “Bħal kull sena, ir-rispons għal Mużika Mużika kien wieħed pożittiv ħafna. Bħas-snin ta’ qabel il-livell tal-entraturi kien wieħed għoli ħafna u ma kienitx faċli għall-ġurija indipendenti biex jintgħażlu l-20 kanzunetta semifinalista għall-edizzjoni li jmiss. Kburi li dan il-festival tant prestiġjuż qed jikkontribwixxi sabiex il-kanzunetta Maltija tingħata l-importanza li jistħoqqilha. Mużika Mużika jagħmel parti importanti mill-portafoll ta’ Festivals Malta u m’għandix dubju li bħal snin oħra din l-edizzjoni se tkun ta’ suċċess.”
Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja tkellem fuq il-livell ta’ Mużika Mużika, li ma kull edizzjoni dejjem qiegħed jgħola. “Wasalna fir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika, u b’wiċċi mill-quddiem ngħid li kull edizzjoni qed tkun aħjar minn dik ta’ qabel. Wara l-live auditions li kellna, nista’ ngħid li l-livell qiegħed dejjem jiżdied u eċitat biex nara dawn il-kanzunetti interpretati fuq il-palk meraviljuż tagħna f’Marzu li ġej.”
Id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika, Paul Abela, tkellem fuq il-livell ta’ kanzunetti sottomessi li qed ikollu l-festival u kif Mużika Mużika qed jesponi stili varji tal-kanzunetta lill-udjenza Maltija. “Għalkemm l-istili konvenzjonali kienu u jibqgħu popolari f’festival bħal dan, l-artisti Maltin minn sena għal sena qed ifittxu u jesperimentaw biex jippruvaw joħorġu b’xi ħaġa ġdida, u qed nirċievu numru dejjem ikbar ta’ kanzunetti b’ġeneri mużikali varji. Is-sabiħ ta’ dan il-festival huwa l-fatt li jlaqqana ma’ dawn il-kompożizzjonijiet li jgħinuna napprezzaw aktar is-sbuħija tal-ilsien Malti f’kanzunetta. Nawgura lis-semifinalisti kollha għall-edizzjoni li jmiss”.
Issa, l-Bord ta’ Mużika Mużika flimkien mat-tim ta’ Festivals Malta ser jidħol fil-fażi li jmiss tal-produzzjoni fejn jibda x-xogħol fuq l-arranġamenti mużikali filwaqt li jżidu l-preparamenti loġistiċi għall-festival li ser isir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024.
Il-kanzunetti semifinalisti huma dawn (f'ordni alfabetika skont l-isem tal-kanzunetta):
Isem tal-Kanzunetta | Artist/i | Kompożitur/i | Awtur/i |
3 ta' Ġunju 2021 | Neville Refalo | Corazon Mizzi | Corazon Mizzi |
Dawk l-Għajnejn | Miguel Bonello | Gilbert ‘il- Bibi' Camilleri u Miguel Bonello | Miguel Bonello |
Din Għalik | Moira Stafrace | David Cassar Torregiani, Toby Farrugia u Moira Stafrace | Gerard James Borg u Ryan Axisa |
Fil-Qrib | Cliff Zammit Stevens | Philip Vella | Joe Julian Farrugia |
Ġenna | Victoria | Cyprian Cassar | Lon Kirkop |
Ġranet Sbieħ | Mark Micallef Costa | Mark Micallef Costa, Gabrijel Mansueto, Roderick Borg u Stefan Grech | Mark Micallef Costa |
Grazzi | MARA | Philip Vella | Joe Julian Farrugia |
Ħolma ta' Mument | Dario Bezzina | Philip Vella | Joe Julian Farrugia |
Iljun | Andreana DeBattista | Cyprian Cassar | Emil Calleja Bayliss |
Imħabba Vera | GIADA | Glen Vella | Philip Vella |
Imqar Għal-lejla | Megan May | Peter Borg, Megan May u Aleandro Spiteri Monsigneur | Megan May |
Kewkba F'Tarf L-Irdum | Cherylis | Pamela Bezzina | Pamela Bezzina |
Kieku Kelli | Thea Aquilina | Cyprian Cassar | Cliff Casha Brincat |
Lulju | Karen Debattista | Karen Debattista | Mark Scicluna |
Meta Tridni Ħdejk | Qalb | Paul Giordimaina | Fleur Balzan |
Mhux Tal-Aħħar | Maxine Pace | Cyprian Cassar | Emil Calleja Bayliss |
Mingħajr Kliem | Keith Zammit Mintoff | Matthew James | Matthew James |
Paradoss | Haley | Cyprian Cassar | Emil Calleja Bayliss |
Vjagg Sabiħ | Kantera | Kantera u Micimago | Joe Julian Farrugia |
Waħdi | Janice Debattista | Philippa Naudi u Bettina Muchmore | Philippa Naudi u Bettina Muchmore |
Għal aktar informazzjoni żur www.muzikamuzika.mt
Comments